About - Group Structure - Trident

About / News

News details

Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €50 miljun li qed isir f’Simonds Farsons Cisk u Trident Estate 1/26/2021

Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €50 miljun li qed isir f’Simonds Farsons Cisk u Trident Estate

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia żaru investiment ta’ €50 miljun li għaddej fil-faċilitajiet ta’ Simonds Farsons Cisk u Trident Estates fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel – proġett li se jkun qed jospita mal-1,500 ħaddiem.

Iċ-Chairman tal-kumpanija Louis Farrugia flimkien mat-tmexxija ta’ Farsons urew lill-Prim Ministru l-faċilitajiet tal-birrerija, l-ibbottiljar u l-ippakkjar tal-aħħar teknoloġija.

Minbarra l-investiment ta’ miljuni kbar li saru matul l-aħħar snin, is-Sur Farrugia aġġorna lill-Prim Ministru dwar investimenti attwali li jinkludu tibdil tal-birrerija l-qadima fejn kien isir it-tisjir tal-birra f’wirja storika ta’ dak li sawwar lill-kumpanija Farsons tul iż-żmien.

Minbarra t-trasformazzjoni tal-faċilitajiet tal-birra u tal-produzzjoni tax-xorb matul l-aħħar snin, Farsons investiet b’mod sinifikanti fl-innovazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt bil-mod ta’ kif il-kumpanija evolviet matul is-snin u hija xempju perfett ta’ kif kull negozju f’pajjiżna għandu jaspira li jilħaq l-ogħla livell ta’ suċċess f’kull forma ta’ negozju. Huwa nnotta wkoll li t-tmexxija tal-kumpanija apprezzat l-għajnuna finanzjarja li offra l-gvern permezz tal-wage supplement.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-laqgħa kienet ħarsa lejn il-futur ta’ pajjiżna bi proġett iffukat fuq bini modern, sostenibbli u li jilqa’ għat-tibdil fil-klima, fi sfond ta' diskussjonijiet dwar l-ekonomija ċirkolari li pajjiżna qed iħaddan u li l-gvern qed jixpruna.

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri innota kif il-kumpanija Farsons Group, għal dawn l-aħħar 90 sena kontinwament uriet reżiljenza u baqgħet pijuniera sabiex taġġorna l-operat tagħha mal-iżviluppi tat-teknoloġija moderna. Il-Ministru Schembri qal li Farsons Group għarfet l-opportunità u investiet fil-qasam tal-awtomazzjoni u l-ħiliet tekniċi tal-ħaddiema tagħha, biex issaħħaħ il-kwantità fil-produzzjoni u l-kwalità tas-servizz tagħha.

Iċ-Chairman Louis Farrugia stqarr li ħa pjaċir jilqa’ lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri Silvio Schembri u Aaron Farrugia ġewwa l-faċilitajiet fejn seta’ jurihom ftit mill-investimenti tal-ogħla livell li saru fl-aħħar snin. “Aġġornajna wkoll lill-Prim Ministru dwar l-istat avvanzat tal-investiment ta’ € 50 miljun fi Trident Park li qed iseħħ bħalissa filwaqt li kemm Farsons u kif ukoll Trident Park qed ikomplu jagħmlu investimenti sostanzjali f’pajjiżna li juri l-fiduċja li għandna f’Malta u n-nies tagħha”, stqarr is-Sur Farrugia.

Huwa żied jgħid li fi Trident Park għaddej xogħol mill-isbaħ bi żvilupp mill-ġdid ta’ €50 miljun f’sit b’wirt ikoniku tas-snin ħamsin li qed jinbidel fi green office campus. Il-proġett huwa wieħed aħdar sal-qalba tiegħu, b’inqas minn 50% tal-art disponibbli mibnija tagħti spazju u importanza sabiex jinfetħu spazji ta’ pajsaġġ.

Iċ-chairman tal-kumpanija żied jgħid li d-disinn tal-proġett huwa ispirat mill-palazzi tradizzjonali Maltin, li għandhom btieħi interni li jipprovdu arja friska u dawl naturali għall-interjuri tal-bini, bħas-sitt ġonna li jisseparaw is-seba’ blokki tal-uffiċini minn xulxin. Sostna li dan hu bini li jirrispetta l-ambjent naturali u li jfittex li jimminimizza l-marka tal-karbonju billi juża teknoloġiji avvanzati. Faċilitajiet oħra disponibbli għall-inkwilini se jinkludu childcare centres, gym, ħwienet tal-ikel u x-xorb, faċilità tal-konferenzi u oħrajn.

Is-Sur Farrugia temm jgħid li meta wieħed iqis l-investimenti li qed isir mhux biss minn Farsons u Trident Estates, iżda wkoll minn negozji oħra fiż-żona, wieħed irid jirrikonoxxi s-suċċess tas-sħubija li saret fl-aħħar snin bejn is-settur privat u dak pubbliku li tejbet b’mod sinifikanti iż-żona tal-Imrieħel permezz tas-Central Business District Foundation, li Farsons kienet fost il-fundaturi tagħha.